|
Il-kordinatrici tal-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, Astrid Vella, ċaħdet li beħsiebha toħroġ bħala kandidata mal-Partit Laburista. Hi qalet dan waqt li l-ġimgħa l-oħra kienet qiegħda twieġeb mistoqsijiet fuq programm ta’ One Radio.
F’diskussjoni radjufonika waqt il-programm “Fuq Ras il-Musmar” dwar il-proġett tal-Belt, hadu sehem wkoll Dr Petra Bianci, il-President Ezekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa u d-Deputat Parlamentari Rodrick Galdes, Kelliem Ewlieni Laburista għall-Ippjanar u d-Djar.
Qabel bdiet id-diskussjoni, il-preżentatur, l-eks-Deputat Laburista Reno Calleja, staqsa ċar u tond lil Vella jekk hix ħierġa għall-elezzjoni mal-Partit Laburista.
Għal dan hi wieġbet li dan ma kienx il-każ. Hi qalet li hu ħażin li għax tattakka lil Gvern allura tiġi mpinġija li hi marbuta politikament ma’ xi partit jew ieħor. “Jien meta kien hemm bżonn ikkritikajt ukoll lill-Partit Labursta,” qalet Astrid Vella.
Fl-istess programm, Astrid Vella żvelat li kieku l-Gvern żamm biss mal-bini tat-teatru, li skont hi kien se jqum inqas minn €10 miljun, Malta kienet tista’ tieħu flus tal-Unjoni Ewropea.
Hi qalet li ladarba l-Gvern se jwebbes rasu u jonfoq mal-€100 miljun biex jibni Parlament, Malta ma kienet se tieħu ebda għajnuna mill-Unjoni Ewropea għax l-idea li l-proġett se jgħin il-kultura ġiet abbandunata.
Astrid Vella attakkat ukoll il-laqgħa tal-MEPA meta kulħadd ivvota favur il-proġett minbarra Rodrick Galdes għall-Partit Labursta,
Hi qalet li din kienet laqgħa finta u daħqa fil-wiċċ, għax kollox kien diġà deċiż. “Meta ġimgħat qabel il-ħwienet kienu diġà qalulhom biex ibattlu u jżarmaw, juri li d-deċiżjoni kienet diġà ttieħdet,” qalet Astrid Vella
Min-naħa tagħha, Dr Petra Bianchi għan-nom ta’ Din l-Art Ħelwa baqgħet issostni li l-għaqda tagħha hi favur il-proġett għax se jsebbaħ il-Belt.
Meta s-Sur Calleja saħaq li deċiżjoni importanti bħal din messha ttieħdet mill-Konferenza Ġenerali ta’ Din l-Art Ħelwa, Dr Bianchi wieġbet li ma’ din ma kienx hemm bżonnha għax hi kellmet diversi membri tal-Għaqda li qablu mal-proġett.
Rodrick Galdes spjega b’mod ċar il-pożizzjoni tal-Partit Laburista. Hu qal li l-Partit mhux kontra li jsir tisbih fil-Belt, iżda hu kontra li f’mumenti diffiċli għall-ekonomija ta’ Malta b’defiċit daqshekk għoli, jintefqu dawk il-€100 miljun fuq parlament ġdid.
Kemm Astrid Vella kif ukoll Rodrick Galdes qalu li l-flus għandhom jintefqu biex jiġi rranġat l-istat tal-biki tal-Belt Valletta, fejn kollox qiegħed jaqa’ biċċiet.
|