Għelieqi għatxana, imma l-ġibjuni vojta
L-Orizzont - Is-Sibt 25 ta' Ġunju 2011
Għelieqi għatxana, imma l-ġibjuni vojta
Il-Malti jgħid "erfa' u sorr, għal meta tiġi bżonn". Imma dan il-qawl żgur ma jgħoddx għas-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna fejn tidħol il-ħażna tal-ilma, u fejn sfortunatament ħafna mill-ġibjuni li hawn imxerrdin f'pajjiżna, jinsabu vojta.
Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal, l-idrologu Marco Cremona, l-espert ewlieni fil-pajjiż fejn jidħol l-ilma, qalilna li huwa tkellem ma' bdiewa li huma "mejtin" għal naqra ilma tajba għat-tisqija, peress li l-ilma tal-pjan li kienu jużaw qiegħed isir iktar mielaħ minn sena għall-oħra. Madankollu, daqs kemm sar skars l-ilma tajjeb tal-pjan, huma iktar skarsi l-ġibjuni li jintużaw biex jaħżnu l-ilma tax-xita.
Cremona ilu jwissi lill-awtoritajiet dwar il-fatt li l-ilma tal-pjan qiegħed fil-periklu li jintilef darba għal dejjem jekk ma nibżgħux għalih. Ir-rata li biha qiegħed jittella' l-ilma tal-pjan huwa ikbar milli suppost u fil-pajjiż hawn madwar 8,000 ‘borehole' privata li jtellgħu l-ilma b'impatt fuq l-ambjent u l-ħażna tal-ilma tal-pjan.
Minbarra li għal diversi snin kienu bosta n-nies li mingħajr permess tellgħu dan l-ilma, is-sitwazzjoni kompliet tiggrava bil-fatt li għal daqstant snin ukoll il-pajjiż ma ħasibx biex jiġbor l-ilma, anke jekk fis-snin 70 inbnew ġibjuni għal dan il-għan.
Cremona qalilna li fil-pajjiż hawn madwar 30 ilqugħ żgħar (‘small dams') fil-widien simili għaċ-Chadwick Lakes, li jesgħu 154,000 metru kubu ta' ilma. Il-fatt li metru kubu huwa ekwivalenti għal elf litru, ifisser li bejniethom dawn jesgħu 154 miljun litru ta' ilma.
Meta tagħmel ix-xita l-ilma żejjed jispiċċa fil-widien u barra li jiġi evitat l-għargħar fit-toroq, l-ilma jsaqqi r-raba' u dak li jibqa' żejjed jiskula taħt l-art u jżid l-ilma tal-pjan. Madankollu, il-fatt li f'ħafna postijiet m'hemmx ilqugħ tajjeb, qed iwassal biex l-ilma mhuwiex jinġabar fl-istess widien u l-ilma qiegħed jintilef.
Cremona żied jgħid li fil-pajjiż għandna wkoll madwar 50 ġibjun kbir li nbnew fis-snin 70 biex jiġbdu lejhom l-ilma tat-triq. Bejniethom dawn jesgħu 250,000 metru kubu ta' ilma bl-ikbar tnejn ikunu dak ta' Kordin, li jesa mal-100,000 metru kubu, u ta' Ħas-Saptan, viċin l-ajruport, li kapaċi jilqa' fih madwar 70,000 metru kubu.
Madankollu, Cremona qal li fir-rigward tal-ewwel ġibjun mhuwiex magħruf jekk dan jinsabx f'kundizzjoni li jilqa' fih ilma u jekk iva hux jintuża, waqt li l-ġibjun ta' Ħas-Saptan ma jżommx ilma għax hu magħruf li jirċievi ilma mir-‘runways' tal-ajruport imma minn osservazzjonijiet li għamel l-istess Fremona, dan l-ilma jintilef fi ftit ġranet.
Huwa kkritika l-fatt li għalkemm il-proġett tal-għargħar ġej jiswa madwar €56 miljun, il-pjan jinvolvi l-ħażna ta' 10,000 metru kubu biss ta' ilma meta ż-żewġ ġibjuni msemmijin waħedhom jesgħu 170,000 metru kubu.
"Fil-preżent teżisti konfużjoni kbira dwar min huwa s-sid tal-ġwiebi pubbliċi (ġibjuni żgħar). Hija l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Huwa l-Public Works? Huwa l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali? Huwa d-Dipartiment tal-Agrikoltura? Huma l-kunsilli lokali? Min?" staqsa Cremona.
Il-kelliem qal ukoll li jkun tajjeb jekk l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) tgħid kemm għandna ġibjuni fil-pajjiż, fejn eżattament jinsabu, f'liema stat jinsabu u min hu responsabbli tagħhom, kemm mil-lat ta' manutenzjoni kif ukoll mill-ilma li jista' jimtela fihom.
Dan il-ġurnal ikkuntattja lill-MRA biex jara għandhomx statistika dwar kemm għandna ġibjuni, madankollu ġejna informati li statistika ġenerali ma teżistix u jeħtieġ nistaqsu lil entitajiet differenti li għandhom il-ġibjuni kemm għandhom u informazzjoni dwarhom.
"Nista' mmur fihom u ntella' l-ilma minnhom jien? Għand min irrid immur għall-permess? Min jikkontrolla liema ilma jintuża minn min u fejn għandu jintuża? Jidher li hawn konfużjoni sħiħa f'dan is-settur u nuqqas ta' interess biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni," kompla Cremona.
Huwa tenna li hemm bżonn ta' reġistru b'informazzjoni dwar il-ġwiebi f'pajjiżna, il-ħażna tagħhom, il-kundizzjoni li jinsabu fiha u min hu responsabbli tagħhom, kif ukoll li l-Gvern jirrestawra dawn il-ġwiebi biex jerġgħu jkunu parti importanti fl-immaniġġjar tal-ilma f'pajjiżna.
"Hija ħasra li l-infrastruttura teżisti imma nkomplu nagħtuha bis-sieq," żied jgħid Marco Cremona, waqt li rrefera wkoll għal-liġi li tobbliga l-bini ta' bir f'kull dar ġdida u waqt li semma li din il-liġi mhix tiġi segwita saħaq li jeħtieġ li ssir diskussjoni dwar min huwa s-sid ta' kull bir.
Fl-istess waqt il-kelliem wera t-tħassib tiegħu li l-ilma tax-xita li jinġabar fuq il-bjut jew jibqa' nieżel fit-toroq u allura jkompli jżid mal-għargħar jew qiegħed jispiċċa kkumnikat mas-sistema tad-drenaġġ, bil-konsegwenza li tappieri fit-toroq qegħdin jispiċċaw jitilgħu bil-pressa tal-ilma.
Huwa sostna li fil-baġit li jmiss jistenna li l-Gvern li se jalloka flus għar-restawr tal-ġibjuni u wera d-dispjaċir tiegħu li fejn jidħol il-qasam tal-ilma mhux isir investiment xieraq. Skont hu, għalkemm il-Gvern investa €108 miljun biex jittratta l-ilma tad-drenaġġ qabel jispiċċa fil-baħar, ma allokax fondi għal min, pereżempju, irid jirranġa l-bjar f'daru u jibda juża dan l-ilma li llum qiegħed jikkawża l-għargħar.
"Inċentivi fil-qasam tal-enerġija hemm bosta. Allura għaliex m'għandux ikun hemm inċentivi biex, ngħidu aħna, min għandu bir ikun jista' jirrestawrah?", kompla jgħid Marco Cremona, waqt li sostna li l-pajjiż donnu iktar irid jeħles mill-ilma tax-xita milli jaħżnu biex jużah.
"Dan il-pajjiż huwa fost l-iktar imsieken fejn jidħol riżorsi ta' ilma. Qegħdin f'sitwazzjoni fejn fil-veru sens tal-kelma kull qatra tgħodd. Ix-xita tiġi b'xejn, l-ilma tax-xita huwa ilma mingħajr melħ u f'sitwazzjoni fejn l-ikbar għadu tal-ilma huwa l-melħ, ma nistgħux inħallu iktar minn għaxar miljun metru kubu ta' ilma tax-xita jintilef kull sena.
Konvint li ssewwi ġibjun jiswa inqas milli tibni wieħed ġdid. Allura ma nistax nifhem dan id-dewmien kollu biex nagħtu din il-problema l-attenzjoni li tistħoqq u li nallokaw il-flejjes neċessarji biex din l-infrastruttura li diġà teżisti terġa' taqdina. Dan ikun investiment sostenibbli, investiment għall-futur u għal uliedna," żied jgħid Marco Cremona.
Sadanittant, qarrej ta' dan il-ġurnal bagħtilna ritratti ta' ġibjun f'Ħal Kirkop wara li kien hemm ‘leakage' ta' drenaġġ fih u nagħlaq, il-ġibjun issewwa, madankollu m'għadux jintuża. Barra minn hekk, l-istess qarrej qalilna li taħt l-iskola primarja tal-lokal tħaffru żewġ ġibjuni għax kien hemm il-ħsieb li fl-iskola jsir grawnd bil-ħaxix imma mbagħad il-grawnd sarlu ħa-xix artifiċjali u l-ġibjun spiċċaw ma ntużaw qatt.
F'ittra ppubblikata fil-ħarġa tad-29 ta' Marzu li għadda ta' dan il-ġurnal, is-Sindku ta' Ħal Kirkop Mario Salerno kien qal li l-Kunsill kien identifika Pjazza Żerniq bħala l-post fejn l-iktar jinġabar l-ilma tax-xita imma kien hemm min ried li fil-post isir ġnien fuq barriera mirduma flok ġiebja. Huwa wera d-dispjaċir tiegħu għal din id-deċiżjoni li tellfet lill-lokal milli jkollu ħażna tajba ta' ilma.
B'rabta wkoll ma' Ħal Kirkop kien ikkummenta l-Kelliem Ewlieni Laburista għall-Biedja u s-Sajd, Joseph Sammut, fejn huwa kien ikkritika d-deċiżjoni li ħa l-Gvern li 120 tomna raba' bejn Ħal Kirkop u ż-Żurrieq tkun tista' tgħaddi għand id-Dipartiment tal-Artijiet biex fuqha jsir proġett ta' valur pubbliku. Huwa sostna li dan qiegħed jhedded l-art għammiela li hemm fl-inħawi.