Ħitan tas-Sejjieħ – Marjanu Vella


Sar il-miraklu tal-konkrit. Iħokku
Għoddhom mas-sħab id-djar ta’ ġo l-ibliet:
Qsari fit-twieqi, dagħwa kontra s-seħer
ta’ linji dritti jiġru paralleli.

Kaxxa ħdejn kaxxa, saret kaxxa kbira
Irqiqa w twila mnażżgħa mill-frugħat
ta’ xogħ’l maħdum bl-iskarpellin waqt ħolma
ta’ frott u ward u anġli żgħar jittajru.

Sar il-miraklu tal-konkrit. Kemm saħħa
Jaħbu l-ħitan misluta ħelu ħelu,
u s-soqfa biċċa waħda bla xejn travi,
bi xbieki tal-ħadid, jifilħu d-dinja!

U tidħak, tidħaq, tara qed tintaġar
il-ġebla bajda-krema ser tinqasam
biex ssir djar botnin bla sens ta’ figer
- qirda tas-saħħa mbierka tal-bennejja.

Sar il-miraklu tal-konkrit. Il-ġebla
titħallat biss biex tifred ftit għelieqi
b’ħitan imbewqa tas-sejjieħ li jagħżlu
pulzier minn ieħor ta’ ħamrija għajjiena.

Minkejja dan, it-Trejqa tal-Mistrieħ
bejn żewġ ħitan titkennen tas-sejjieħ.