L-imhabba u l-impenn tal-Papa Gwanni Pawlu II dwar in-natura u l-ambjent

Din l-imħabba u impenn fissirhom tajjeb ħafna Leandro Janni, President ta’ l-Italia Nostra, Sicilia wara l-mewt tal-Q.T. : Il-passiġġati tiegħu fil-muntanji, il-kontemplazzjoni fis-skiet tal-pajsaġġ, it-talb quddiem il-kobor ta’ l-isbuħija tad-Dolomiti. Imħabba u rispett lejn in-natura li Ġwanni Pawlu II wera minnufih kif sar Papa u baqa’ jsostni tul il-Pontifikat tiegħu. Imħabba konkreta, reali, u li għexa u ddefendiha permezz ta’ sejħiet, twiddib u saħansitra kundanna kontra il-periklu ta’ “l-olokawst naturali”. Fil-qofol, lezzjoni fondamentali (li fuqha jorbot kollox): li wieħed jerġa’ lura għal stil ta’ ħajja sobrija (i.e. mingħajr ħafna kapriċċi), li tmur kontra r-regħba u t-theddid bla rażan tal-konsumiżmu, u li tnissel rispett lejn dak kollu li Alla għoġbu jagħti lilna u lejn dawk li għad jiġu warajna.
Din l-eko-konverżjoni bdiet tfeġġ sa mill-1979 bin-nomina ta’ San Franġisk bħala patrun “ċelesti ta’ dawk li jieħdu ħsieb l-ekoloġija”. Fl-Angelus tat-28 ta’ Marzu 1982, fl-okkażjoni tal-Jum dinji ta’ l-Ambjent, huwa stqarr: “Kif jista’ wieħed ma jarax f’dan l-eżempju (i.e. S. Franġisk) tagħlima tabilħaqq urġenti għal dan iż-żmien li fih qed ngħixu fejn il-bniedem, li għalih qisu xejn m’hu xejn, qed jeqred bil-mod il-mod l-ambjent li jagħti l-ħajja li l-{allieq b’tant għerf ħejjielu?”. Għaldaqstant toħroġ twiddiba: “Ix-xhieda ta’ S. Franġisk għandha twassal lill-bnedmin tal-lum biex ma jġibux ruħhom bħala annimali selvaġġi li jeħduha kontra n-natura imam għandhom jassumu r-resopnsabbiltà li n-natura titlob, u jieħdu ħsieb ta’ dak kollu li għad fadal f’saħħtu u mhux mimsus, b’mod li jkunu jistgħu joffru ambjent li jilqa’ u li jkun ta’ fejda għan nies li għad iridu jitwieldu”.
Meta f’Settembru 1985 huwa indirizza lil Lanner, li dak iż-żmien kien il-President tat-Taqsima għad-difiża ta’ l-Ambjent fil-Kunsill ta’ l-Ewropa, huwa qallu: “Għalkemm il-Knisja għad m’għandhiex trattat nisrani dwar l-ekoloġija hi xorta waħda m’għandhiex tibża’ ssemma’ leħinha sabiex tagħti kontribut għad-difiża ta’ l-ambjent u tal-ħajja umana. It-taqbida kontra il-massakru jew it-tinġis ta’ l-Univers hija kwestjoni ta’ għerf, solidarjetà u ko-operazzjoni”. F’dik l-okkażjoni il-Papa wera biċ-ċar “id-disgust (dardir) u l-biża’” li n-nies kienet qiegħda tħoss meta għandha quddiem wiċċha Univers “fejn qed issir ħerba għal skopijiet ekonomiċi, materjalistiċi, ħafna drabi għal pjaċiri bla rażan u egoistiċi”. Tabilħaqq, ma jikkundannax il-progress imma jsejjaħ għal “tnaqqis f’dik li hija ġirja bla rażan għal profitt, tqassim aħjar tal-ġid tad-dinja li qed jiġi mħarbat b’mod ta’ min jistmerru”.
Din ta’ l-Ambjent hi, għall-Papa, kwestjoni morali u fl-1999 hu lissen għajta ta’allarm: “L-interessi u l-egoismi tal-qawwiet f’saħħithom qed jirriskjaw li jikkompromettu l-ekoloġija mondjali”. Ftit xhur wara huwa ssokta b’din l-għajta: “HUWA DNUB U DISPREZZ LEJN IL-BNIEDEM U L-VALURI TAL-ĦAJJA”. Hekk ukoll, għal dawk li jqabbdu n-nar, fis-sajf sħun ta’ l-2003: “Min jagħti n-nar jkun qed jeqred il-patrimonju ambjentali, ġid prezzjuż għall-umanità kollha”. Is-sena ta’ qabel, kien hemm żewġ mumenti fejn il-Papa wera kemm kien qawwi l-impenn tiegħu favor l-ambjent. Nhar il-25 t’Awissu, 2002, f’Johannesburg, lejlet is-summit mondjali dwar l-isvilupp sostenibbli, is-Santa Sede għamlet sejħa għall-“konverżjoni ekoloġika” u l-Papa bagħat talba preċiża fjen talab il-gvernijiet biex jimpenjaw ruħhom b’mod effikaċi (i.e. b’mod li l-affarijiet jirnexxu) sabiex ikun hemm svilupp sostenibbli u sabiex ukoll “jieħdu bis-serjetà is-sejħa ekoloġika, li hija l-iktar ħaġa urġenti ta’ żmienna”.
Fil-21 ta’ Diċembru 2002 il-Papa jerġa’ jtenni l-appell tiegħu u jintervjeni dwar il-paċifiżmu u l-ambjentaliżmu fid-diskors tradizzjonali ta’ l-awguri tal-Milied lillkardinali, l-Kurja Rumana u l-Familja Pontifiċja: “Ħafna huma l-konflitti li qegħdin idemmu l-pjaneta u oħrajn mistennija li jerġgħu jisplodu b’iktar mibegħda. U l-orizzont mhuwiex biss imdemmi, imma n-nuqqas ta’ attenzjoni min-naħa talbniedem qiegħda twassal għall-qerda ta’ l-ambjent. Hemm bżonn li għal kulħadd, għall-futur ta’ l-umanità, (fil-waqt li ħares lejn it-tfal) tinħoloq kuxjenza ġdida ekoloġika bħala espressjoni tar-responsabbiltà tagħna lejna nfusna, lejn l-oħrajn, lejn il-ħolqien”.
L-ikbar għajta mqanqla favur l-ambjent u l-qawwiet korrotti kienet f’Agrigento fid-9 ta’ Mejju, 1993 meta b’leħen imriegħed, u jipponta sebgħu, għajjat: “Mafjużi, indmu, għad jasal dak il-jum tal-:udizzju (meta tidhru) quddiem Alla.