Safrattant... Adrian Grima

 Naħseb li ma naf lil ħadd li jgħid li l-ambjent f'pajjiżna ma jinsabx f'qagħda ħażina.

In-Nordiċi jħobbu jitkellmu fuq it-temp meta ma jkollhomx xi jgħidu; aħna nimlew l-ispazju imbarazzanti bejn żewġ persuni li ma jafux x'se jaqbdu jgħidu lil xulxin bi stqarrijiet dwar l-ambjent u l-politika li għal min ma jafx il-Maltin jinstemgħu tassew radikali u forsi anki rivoluzzjonarji. Timmaġina li dak li jkun se joħroġ mil-lift, jew jitlaq mit-tieġ lest għall-ġlied, sa l-aħħar nifs, favur il-fidwa ta' l-ambjent naturali u l-wirt arkitettoniku Malti. Timmaġina li dan il-poplu ta' opinjonisti kapaċi jaqleb Malta ta' taħt fuq.

Niftakar qisu lbieraħ iż-żmien meta kont illudejt ruħi li dawk li jitkellmu b'passjoni dwar l-ambjent Malti se jkunu lesti jagħmlu xi ħaġa konkreta biex iħarsuh u jsaħħuħ. B'xorti ħażina, fuq l-ambjent il-biċċa l-kbira tal-Maltin jitkellmu ħafna bla ma jagħmlu xejn; kieku l-Maltin huma verament attivi, kieku Malta mhix is-sit tal-kostruzzjoni permanenti li hi. Kieku dawk li jmexxu l-pajjiż, u dawk li jaspiraw li jmexxuh fil-ġejjieni, ma jippreżentawx proġetti assurdi bħal dak ta' żewġ korsi tal-golf jew il-bini ta' aktar lukandi u appartamenti fuq il-ftit art mhux maħduma li fadlilna f'dan il-pajjiż maħnuq bin-nies u bil-paroli.

Kieku dawk kollha li jitbaqbqu bil-patrijottiżmu u l-imħabba lejn pajjiżhom jitfaċċaw għall-protesti li jsiru jew iqattgħu l-iljieli jeżaminaw proposti u jiktbu rapporti bħalma jagħmlu l-ftit ambjentalisti kompetenti u ta' fibra morali, kieku aħna l-Maltin inkunu kapaċi mmexxu pajjiżna ħafna aħjar milli mexxejnieh mill-Indipendenza 'l hawn.

Meta nipponta sebgħi lejn il-maġġoranza li titkellem u ma tagħmel xejn, qed inqis in-nuqqas ta' impenn tiegħi wkoll. Mhux għax qatt ma impenjajt ruħi, imma għax dejjem inħoss li nista’ nagħmel aktar; għax inħares lejn nies tassew dedikati u nara kemm kollox jaqa’ fuq ftit nies.

Huwa minnu li l-klassi politika Maltija, b'mod ġenerali, ma kinitx kapaċi, jew ma kellhiex ir-rieda li tieħu d-deċiżjonijiet kuraġġużi li kien jeħtieġ li jittieħdu f'pajjiż ċkejken u ambjentalment "sensittiv" bħal tagħna, imma huwa minnu wkoll li l-elettorat Malti, jiġifieri aħna lkoll, ħalla kollox kif kien u baqa' jagħti l-fiduċja lil nies li ma poġġewx il-ġid komuni fuq quddiem. Forsi l-elettorat Malti, minkejja l-paroli, ma riedx, u għadu ma jridx, iwaqqaf id-distruzzjoni.

Meta konna qed naħdmu fil-Front Kontra l-Korsa tal-Golf f'Tal-Virtu' niftakar ċar kemm kien hemm individwi li qaluli - forsi biex iserrħu l-kuxjenza tagħhom - li dak li konna qegħdin nagħmlu kien għalxejn għax meta n-nies fil-poter, huma min huma, jieħdu d-deċiżjoni, ħadd ma jista' jdawwarha, anki jekk ikollu mitt elf raġun. Safrattant, il-korsa tal-golf f'Tal-Virtu', ma saritx...

Adrian Grima
26th September 2006