San Niklaw – Joe Friggieri

Maz-zuntier tal-knisja ż-żgħira
f’nofs il-wied ta’ San Niklaw
kif iddoqq l-Ave Marija
kienu jinżlu l-mogħoż jirgħaw
kienu jinżlu
żewġ namrati
jinnamraw.

Imma darba ġiet il-gaffa
f’nofs il-wied ta’ San Niklaw
il-ħitan tal-knisja ġġarrfu
u bnew dar
minn dawk il-kbar
bil-veranda
u l-pixxina
u kolonni tal-irħam.

Kulħadd qal
kemm hi sabiħa
dik id-dar
barra l-mogħoż
li m’għadhomx jinżlu
biex jirgħaw
barra dawk
iż-żewġ namrati
li ħadulhom l-aħħar rokna
fejn kif tibda –xemx tistaħba
kienu jinżlu
jinnamraw.